Mqabba FC Youth Nursery jappuntaw Head Coach ġdid

Mqabba FC Youth Nursery jappuntaw Head Coach ġdid

Kunsidrat bħala figura importanti fl-istorja tal-futbol Malti, Michael Degiorgio għandu l-Liċenzja A tal-UEFA u kwalifikat bħala Head Coach. Huwa ilu għal snin twal involut fil-futbol lokali l-ewwel bħala plejer u mbagħad bħala kowċ, kemm fis-setturi tal-kbar u anke taż-żgħażagħ. Il-karriera professjonali fil-futbol bdiet fl-1979 meta lagħab ma’ Ħamrun Spartans FC (1979-1993, 1996-1997 u 2001-2003). Fiż-żmien li lagħab mal-Ispartans, huwa lagħab kważi 200 logħba fejn skorja 16-il gowl. Lagħab ukoll ma’ Naxxar Lions FC (1993-1996 u 1997-1999) fejn skorja 6 gowls.

Bejn l-1981 u l-1993, Michael Degiorgio lagħab 74 darba mat-tim nazzjonali Malti fejn sab ix-xibka f’4 okkażjonijiet. Matul il-karriera ta’ suċċessi li kellu, Michael Degiorgio rebaħ ħafna unuri li jinkludu  4 Kampjonati Premier, 6 FA Trophies, 4 Lowenbrau Cups, 4 Super Cups u 1 Super 5 Cup. Għalkemm ħafna jiftakru lil Michael Degiorgio bħala ‘midfielder’, lejn l-aħħar tal-karriera lagħab ukoll bħala ‘central defender’.

L-akbar unur personali prestiġġjuż miksub minn Michael Degiorgio kien ‘Il-Plejer Malti tas-Sena’ għall-istaġun 1989/1990 meta kien ma’ Ħamrun Spartans FC.

Wara l-karriera twila bħala plejer, Michael Degiorgio studja u beda jaħdem bħala kowċ ma’ diversi klabbs fosthom Naxxar Lions FC, Ħamrun Spartans FC, Marsaxlokk FC, Fgura United FC u Kalkara FC.  Michael Degiorgio kiseb ukoll esperjenza fis-settur taż-żgħażagħ meta nħatar kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena.  Ħadem ukoll bħala Head Coach ma’ Tarxien Rainbows Youth Nursery, Valletta FC Youth Nursery, Kalkara FC Youth Nursery, Naxxar Lions FC Youth Nursery, Gżira United FC Youth Nursery u Fgura United FC Youth Nursery.

Matul il-karriera twila tiegħu, Michael Degiorgio wera attitudni pożittiva, impenn u entużjażmu  biex jintlaħqu l-miri tal-klabbs li ħadem magħhom. Dan l-approċċ, flimkien mal-karatteristiċi ta’ tmexxija tiegħu, xprunaw lill-Kumitat tan-Nursery sabiex jappuntaw lil Michael Degiorgio bħala Head Coach bil-għan li titkompla l-istrateġija u jintlaħqu l-miri adottati min-Nursery f’konformità mas-slogan ‘For the Good of the Young’.

F’isem il-membri, plejers, ġenituri, sostenituri u kowċis ta’ Mqabba FC Youth Nursery, il-Kumitat jifraħ u jagħti merħba lil Michael Degiorgio u jħares ‘il quddiem għal ħidma konġunta biex jinkisbu l-aħjar riżultati.

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.