Il-Youth FA torganizza s-seminar annwali

31 Aug Il-Youth FA torganizza s-seminar annwali

Nhar is-Sibt 25 t’Awwissu l-Youth Football Association organizzat is-Seminar Annwali tagħha fil-lukanda The Palace f’Tas-Sliema, fejn ġew diskussi diversi temi li jaffettwaw lill-amministraturi u l-kowċis tan-nurseries.

Wara l-introduzzjoni tal-President tal-YFA Fr. Hilary Tagliaferro, tkellem id-Direttur Tekniku tal-MFA Robert Gatt dwar proġett għat-timijiet ta’ bejn it-12 u l-15-il sena fejn mill-istaġun li ġej se jibda jkun hemm logħbiet tal-futsal għal dawk il-plejers li ma jsibux spazji mat-tim rispettiv. Denise Chetcuti u Jareth Grima mis-Sedqa tkellmu dwar programm ta’ prevenzjoni mill-YFA.

Preżenti wkoll waqt is-seminar kien hemm Kurt Formosa mill-MFA li kompla jagħti spjegazzjoni dwar is-sistema COMET, li hi sistema ġdida kif l-MFA taġġorna ruħha mat-teknoloġija, filwaqt li l-klabbs kollha jaħdmu b’sistema aktar effiċjenti li telimina x-xogħol doppju li kien isir fil-passat. Dawk preżenti kellhom l-opportunità li jsaqsu lil Formosa dwar l-aħħar dubji li għandu fuq is-sistema.

L-aħħar kelliema tas-Seminar kienet il-Membru tal-Kunsill tal-YFA Stephanie Rocco li għamlet preżentazzjoni fid-dettall dwar il-kwestjonarju li l-YFA għamlet man-nurseries aktar kmieni din is-sena. F’din il-preżentazzjoni ħarġu d-dettalji ta’ dak li ntqal flimkien ma’ laqgħat li xi persuni min-nurseries, mill-YFA u oħrajn newtrali kellhom f’Ġunju biex jiġu diskussi temi ta’ importanza marbuta ma’ dan il-kwestjonarju.

Attenda wkoll il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo. Fid-diskors tiegħu li għalaq is-seminar, Darmanin Demajo għamel aċċenn għal punt li ilu jaħseb dwaru u ddeċieda li jesprimi ruħu quddiem l-attendenza ideali.

Il-President tal-MFA għamel aċċenn għal diversi persuni barranin li qed iwiegħdu ż-żgħażagħ Maltin u l-ġenituri tagħhom li jmorru jilagħbu barra, fejn wissa biex l-amministraturi u l-kowċis tan-nurseries joqogħdu attenti minn dawn il-persuni.

No Comments

Post A Comment