Summer Camp organizzat minn Mqabba FC Youth Nursery

28 Jun Summer Camp organizzat minn Mqabba FC Youth Nursery

Nhar is-Sibt 1 ta’ Lulju 2017 se jingħata bidu għas-Summer Camp 2017 organizzat minn Mqabba FC Youth Nursery, mifrux fuq 12-il sessjoni fi spazju ta’ 7 ġimgħat konsekuttivi. Dan is-Summer Camp se jkun jikkonsisti f’taħriġ b’differenza għat-tfal subien u bniet bejn l-4 u t-12-il sena. Din is-sena se jerġa’ jkollna numru sabiħ ta’ tfal li għoġobhom jinkitbu għal dawn is-sessjonijiet.

Konxji mill-fatt li l-involviment fi sports differenti minn età żgħira jħalli impatt pożittiv fuq l-iżvilupp fiżiku u atletiku tal-persuna, din is-sena tfassal programm fuq dak tas-sena l-oħra. Fil-fatt minbarra s-soltu taħriġ tal-futbol ser jiġi organizzat taħriġ f’dixxiplini differenti li għal ħafna mit-tfal għandha tkun l-ewwel esperjenza. It-taħriġ tal-futbol se jkun wieħed intensiv u speċjalizzat fejn it-tfal kollha se jirċievu attenzjoni individwali.

Waħda mis-sessjonijiet b’differenza hija taħriġ tal-judo. Din is-sessjoni se ssir bil-għajnuna ta’ Tignè Judo Club ġewwa l-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Se jkollna wkoll sessjoni ta’ Break Dance Hip Hop organizzata ġewwa s-sala ta’ Mqabba FC minn Street Elements kif ukoll logħob tar-rugby li kulma jmur qed jikber fil-popolarità. Attivitajiet oħrajn b’differenza huma l-fun games kif ukoll il-Human Table Soccer ġewwa l-5-a-side pitch ta’ Mqabba FC.  Ma jistax jonqos ukoll li nerġgħu mmorru nipprattikaw il-beach soccer fuq ir-ramel ta’ Pretty Bay f’Birżebbuġa. Is-Summer Camp din is-sena jiġi fi tmiemu b’diversi water games li kull sena jkunu mistennija mit-tfal. Wara l-ħafna kummenti pożittivi li rċivejna s-sena l-oħra, ninsabu fiduċjużi li dan il-programm varjat se jinżel tajjeb mat-tfal u l-ġenituri.

L-attendenza numeruża li għal darb’oħra ser ikollna matul is-Summer Camp 2017 timla lin-Nursery tagħna bl-enerġija li tkompli bil-ħidma tagħha għall-ġid tat-tfal u tgħinhom isiru individwi aħjar fis-soċjetà. Mqabba FC Youth Nursery temmen fit-tfal kollha li jiffrekwentawha u minkejja li kull tifel u tifla joffrulna sfidi diffrenti, ma tħalli lil ħadd barra. Għan-Nursery tagħna t-tfal mhumiex sempliċiment numru u dan ifisser li jeħtiġilha tikkonċentra l-isforzi tagħna fuq kull wieħed u waħda minnhom. L-akbar sodisfazzjon tagħna jkun meta naraw li l-ambjent sportiv u ta’ familja offrut minn Mqabba FC Youth Nursery qed iħalli impatt pożittiv fuq il-persuni li jagħmlu parti minnha, jiġifieri t-tfal, ġenituri, sostenituri, kowċis u amministraturi.

Fl-aħħar nett nirringrazzja lill-kowċ Elvin Sciberras għall-koordinazzjoni kif ukoll lill-kowċ Kurt Polidano li se jkun inkarigat mit-taħriġ fil-kategorija taż-żgħar. Ringarazzjament ukoll lil Benoit Azzopardi, Ian Farrugia, Clayton Sciberras u Leon Delia għall-għajnuna tagħhom waqt it-taħriġ.

Għal aktar tagħrif, ritratti u filmati wieħed jista’ jidħol fil-paġna uffiċjali ta’ Mqabba FC Youth Nursery fuq Facebook, www.facebook.com/mqabbafcyn

 

Programm:

 

Is-Sibt 1 ta’ Lulju 2017 8.30am – 10.00am Taħriġ tal-futbol Mqabba FC Ground
L-Erbgħa 5 ta’ Lulju 2017 6.00pm – 7.30pm Taħriġ tal-futbol Mqabba FC Ground
Is-Sibt 8 ta’ Lulju 2017 8.30am – 10.00am Fun Games Mqabba FC Gruond
L-Erbgħa 12 ta’ Lulju 2017 6.00pm – 7.30pm Judo* Ħal Kirkop Complex
Is-Sibt 15 ta’ Lulju 2017 8.30am – 10.00am Taħriġ tal-futbol Mqabba FC Ground
L-Erbgħa 19 ta’ Lulju 2017 6.00pm – 7.30pm Human Table Soccer Mqabba FC Ground
Is-Sibt 22 ta’ Lulju 2017 8.30am – 10.00am Beach Soccer Pretty Bay, B’Bugia
L-Erbgħa 26 ta’ Lulju 2017 6.00pm – 7.30pm Taħriġ tal-futbol Mqabba FC Ground
Is-Sibt 29 ta’ Lulju 2017 8.30am – 10.00am Break Dance, Hip Hop Mqabba FC Hall
L-Erbgħa 2 ta’ Awwissu 2017 6.00pm – 7.30pm Taħriġ tal-futbol Mqabba FC Ground
Is-Sibt 5 ta’ Awwissu 2017 8.30am – 10.00am Taħriġ tal-futbol Mqabba FC Ground
L-Erbgħa 9 ta’ Awissu 2017 MHUX SER ISIR TAĦRIĠ F’DIN IL-ĠURNATA
Is-Sibt 12 ta’ Awwissu 2017 8.30am – 10.00am Water Games Mqabba FC Ground

*Jista’ jkun hemm tibdil fil-ġurnata u fil-ħin (aġġornamenti aktar ‘il quddiem)

Importanti li fis-sessjonijiet kollha t-tfal iġibu magħhom ilma tax-xorb.

No Comments

Post A Comment