
24 Nov 33 nursery magħqudin għal Solidarjetà bl-iSports
Il-jumejn xita li kellna f’Malta ma qatgħatx qalb dawk in-nurseries li kienu ilhom ġimgħat sħaħ jippreparaw għall-attività ta’ football għal kawża ġusta. Taħt xemx tiżreġ, nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2016 aktar minn 1,500 tifel u tifla pparteċipaw fl-attività Solidarjetà bl-iSports b’risq il-Malta Community Chest Fund li kienet qed issir fi 33 nursery madwar Malta.
Tfal ta’ bejn il-5 u t-13 -il sena qattgħu nofs ta’ nhar flimkien jilagħbu l-logħba tant għal qalbhom…il-football. Apparti li dawn it-tfal ħadu gost jilagħbu huma taw ukoll d-donazzjoni tagħhom għal din il-kawża nobbli.
Waqt iż-żjara tagħha fin-nurseries ta’ Ħal-Qormi u l-Ħamrun, L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lit-tfal tal-parteċipazzjoni tagħhom u lin-nurseries tas-sehem li jagħtu matul is-sena kollha sabiex iżommu lil dawn it-tfal attivi u nvoluti fl-isport. Hi spjegat ix-xogħol li tagħmel l-MCCF permezz tad-donazzjonijiet li jinġabru. In-nursery tal-Mosta laqgħet lis-Sur Edgar Preca li kellu ċ-ċans jitkellem mat-tfal li kienu qed jieħdu sehem fl-attività li saret fil-Mosta.
Din l-attività hija eżempju ċar li l-logħba tal-football hija mezz ta’ għaqda. Huwa tajjeb li għalkemm żgħar inrawwmu lil dawn it-tfal dwar l-importanza li huma wkoll jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà u dan għamluh permezz tal-logħba li jħobbu.
Is-sotto kumitat “Solidarjetà bl-iSports – Football” jirringrazzja lil dawk in-nurseries kollha li taw sehemhom sabiex din l-attività tkun suċċess, u lit-tfal li ppareteċipaw. Grazzi wkoll lill-Youth FA tal-appoġġ tagħha biex din l-attività setgħet isseħħ.
No Comments